Ċertu atti li huma meqjusa bħala vjolenza domestika jistgħu wkoll jikkostitwixxu att kriminali kif muri fil-Kodiċi Kriminali. Skont il-Kodiċi Kriminali tagħna, il-vjolenza hija magħrufa bħala ħsara tal-ġisem, li tista’ tkun punibbli bi priġunerija. Madanakolllu, jekk ikun hemm każ ta’ vjolenza domestika, jiġifieri ħsara tal-ġisem fid-dar u bejn membri tad-dar, il-liġi tipprovdi għal aggravazzjoni u kastig akbar. Fil-fatt Artikolu 202(h) jispeċifika li l-kastig ikun akbar:
“Meta r-reat jitwettaq fuq persuna ta’.....Persuna oħra li tgħix fl-istess dar mat-trasgressur jew li kienet tgħix mat-trasgressur fi żmien perjodu ta’ sena qabel ir-reat;”
Huwa importanti tinnota, li l-liġi wkoll tikkunsidra din l-aggravazzjoni jekk persuna sempliċiment tkun qed tgħix fl-istess dar mat-trasgressur . Għaldaqstant il-vjolenza domestika, skont il-Kodiċi Kriminali tagħna, m’għandhiex neċessarjament tkun marbuta mal-mara jew it-tfal, iżda tista’ wkoll tkun marbuta ma’ kwalunkwe persuna li tgħix fid-dar, kemm jekk tkun qarib jew individwu mhux tal-familja li għex mat-trasgressur fi żmien perjodu ta’ sena qabel ir-reat. Jekk il-vittma, għall-argument ilha tgħix mat-trasgressur għal xahrejn, u r-reat sar erba’ xhur wara li ħareġ mid-dar. Din xorta waħda hija meqjusa bħala vjolenza domestika sakemm tiġri fi żmien sena minn meta l-vittma kienet qed tgħix mat-trasgressur.
Barra minn hekk, fir-rigward ta’ reati sesswali, jiġifieri stupru, ħtif u attakk vjolenti u indeċenti, dawn huma aggravati ulterjorment jekk jitwettqu fil-preżenza jew f’distanza fejn il-minorenni jkun jista’ jismagħhom.