2122 8333Mit-Tnejn sal-Ġimgħa 9am-5pm

  • English
  • Malti

Il-Proġett

Il-Victim Support Onlajn ingħata fondi mill-Fond tal-Organizzazzjonijiet Volontarji, inizjattiva żviluppata minn The Malta Community Chest Fund li tiffoka fuq appoġġ lil proġetti b’għan soċjali li jkunu ta’ benefiċċju għas-soċjetá in ġenerali. Il-Victim Support Onlajn hija sħubija bejn żewġ NGOs lokali – SOS Malta u Victim Support Malta.
L-idea għall-proġett nibtet mill-fatt li kull sena jkun hemm eluf ta’ reati kriminali li ma jiġux rappurtati, filwaqt li huwa wkoll ikkalkulat li hemm ħamsin fil-mija oħra ta’ reati kriminali li ma jiġux rappurtati għal diversi raġunijiet. Dan jiġri minħabba li l-vittma tipperċepixxi l-att bħala wieħed li mhux kriminali u/jew minħabba li l-vittma ma tkunx tixtieq tittratta l-effetti tar-reat kriminali speċifiku.  Madankollu, il-vittmi ta’ reati kriminali xorta jesperjenzaw diversi konsegwenzi mill-att kriminali mwettaq kontrihom inklużi dipressjoni, iżolament, biża’ u dannu lill-proprjetá.  Dawn il-konsegwenzi mhux mixtieqa li jirriżultaw milli persuna tisfa vittma ta’ xi reat kriminali speċifiku jistgħu jwasslu għal esklużjoni soċjali.  Madankollu, il-bżonnijiet ta’ individwi li jkunu ġew vittimizzati huma differenti f’kull każ u kull individwu jeħtieġ interventi differenti biex iwieġbu għall-bżonnijiet tiegħu/tagħha. Għaldaqstant aħna ħloqna l-possibbiltá ta’ appoġġ onlajn bħala mezz potenzjali biex inħeġġu aktar vittmi ta’ reati kriminali jfittxu l-għajnuna b’mod kunfidenzjali u anonimu.
F’konformitá mad-Direttiva tal-UE 2012/29 dwar id-Drittijiet tal-Vittmi, il-Victim Support Onlajn għandu jgħin biex jappoġġa lill-vittmi ta’ reati kriminali u jidderiġihom lejn l-informazzjoni li hija rilevanti għall-każ speċifiku tagħhom, kemm jekk din tkun informazzjoni prattika jew parir legali, jew informazzjoni dwar is-servizzi li jistgħu jipprovdu appoġġ imfassal speċifikament għall-utent tas-servizz. Is-servizz ser jipprovdi appoġġ immedjat u anonimu, xi ħaġa li x-xena lokali attwalment mhux qed tipprovdi lill-pubbliku ġenerali.  Il-paġna web tal-Victim Support Onlajn ser tipprovdi servizz ta’ dan it-tip u ser tkun hub ta’ informazzjoni li faċli jintlaħaq mill-vittmi ta’ reati kriminali.
L-għanijiet tal-proġett huma:

  • Li jgħin titqajjem kuxjenza dwar id-drittijiet ta’ persuni li jkunu ġew vittimizzati minn reat kriminali speċifiku.
  • Li jipprovdi appoġġ onlajn immedjat u anonimu lill-utenti tas-servizz li jkunu ġew vittimizzati minn xi reat kriminali speċifiku.
  • Li jissodisfa l-obbligi stipulati mid-Direttiva tal-UE 2012/29.