2122 8333Mit-Tnejn sal-Ġimgħa 9am-5pm

  • English
  • Malti

Vjolenza Domestika

Il-vjolenza domestika hija mudell ta’ imġiba li tinvolvi vjolenza jew abbuż ieħor minn persuna waħda kontra oħra f’kuntest domestiku, bħal fiż-żwieġ jew fil-koabitazzjoni. Il-vjolenza domestika hija ksur gravi tad-dinjità tal-individwu u hija illegali.
 
Il-qafas legali dwar il-vjolenza domestika huwa bbażata fuq l-Att tal-Vjolenza Domestika u l-emendi relatati fil-Kodiċi Kriminali u l-Kodiċi Ċivili. Il-Konvenzjoni ta’ Istanbul, li ġiet iffirmata u ratifikata minn Malta, għandha wkoll tiġi kkunsidrata meta jkunu qed jiġu determinati każi ta’ Vjolenza Domestika.

Il-kontenut disponibbli fuq din il-websajt hija għal finijiet edukattivi biss u ma tikkostitwix parir legali. Għal pariri legali jew emozzjonali bla ħlas u appoġġ rigward is-sitwazzjoni speċifika tiegħek, jekk jogħġbok ikkkuntattja lil Victim Support Malta (21228333)

Fatti u informazzjoni: vjolenza domestika

Ċertu atti li huma meqjusa bħala vjolenza domestika jistgħu wkoll jikkostitwixxu att kriminali kif muri fil-Kodiċi Kriminali. Skont il-Kodiċi Kriminali tagħna, il-vjolenza hija magħrufa bħala ħsara tal-ġisem, li tista’ tkun punibbli bi priġunerija. Madanakolllu, jekk ikun hemm każ ta’ vjolenza domestika, jiġifieri ħsara tal-ġisem fid-dar u bejn membri tad-dar, il-liġi tipprovdi għal aggravazzjoni u kastig akbar. Fil-fatt Artikolu 202(h) jispeċifika li l-kastig ikun akbar:

“Meta r-reat jitwettaq fuq persuna ta’.....Persuna oħra li tgħix fl-istess dar mat-trasgressur jew li kienet tgħix mat-trasgressur fi żmien perjodu ta’ sena qabel ir-reat;”
Huwa importanti tinnota, li l-liġi wkoll tikkunsidra din l-aggravazzjoni jekk persuna sempliċiment tkun qed tgħix fl-istess dar mat-trasgressur . Għaldaqstant il-vjolenza domestika, skont il-Kodiċi Kriminali tagħna, m’għandhiex neċessarjament tkun marbuta mal-mara jew it-tfal, iżda tista’ wkoll tkun marbuta ma’ kwalunkwe persuna li tgħix fid-dar, kemm jekk tkun qarib jew individwu mhux tal-familja li għex mat-trasgressur fi żmien perjodu ta’ sena qabel ir-reat. Jekk il-vittma, għall-argument ilha tgħix mat-trasgressur għal xahrejn, u r-reat sar erba’ xhur wara li ħareġ mid-dar. Din xorta waħda hija meqjusa bħala vjolenza domestika sakemm tiġri fi żmien sena minn meta l-vittma kienet qed tgħix mat-trasgressur.

Barra minn hekk, fir-rigward ta’ reati sesswali, jiġifieri stupru, ħtif u attakk vjolenti u indeċenti, dawn huma aggravati ulterjorment jekk jitwettqu fil-preżenza jew f’distanza fejn il-minorenni jkun jista’ jismagħhom.

Jekk persuna soġġetta għal Ordni ta’ Protezzjoni jew ta’ Trażżin tikser ir-restrizzjonijiet jew il-projbizzjonijiet imposti taħthom mingħajr skuża raġonevoli, tali persuna tkun ħatja ta’ reat punibbli b’multa ta’ €2329.37 jew għal priġunerija sa sitt xhur jew inkella kemm għall-multa kif ukoll għall-priġunerija.

It-trasgressuri jistgħu jirċievu trattament biex jibdlu l-imġiba abbużiva tagħhom?

Ordni għal Trattament tista’ tinħareġ mill-Qrati flimkien jew separatament minn Ordni ta’ Protezzjoni u sakemm il-qorti tkun sodisfatta li l-arranġamenti adattati saru jew jistgħu jsiru għat-trattament tal-persuna akkużata. L-effetti ta’ ordni għal trattament ifissru li persuna għandha tmur għal trattament skont il-kundizzjonijiet li l-qorti tqis li għandhom jiġu stipulati fl-ordni. Meta persuna tkun akkużata iżda għadha ma nstabitx ħatja mill-Qorti, il-Qorti tista’ biss toħroġ tali ordni bil-kunsens tal-akkużat. Iżda, ladarba l-persuna tinstab ħatja, ordni għal trattament tista’ tinħareġ bi jew mingħajr il-kunsens tal-persuna kkundannata. Jekk persuna soġġetta għal Ordni għal Trattament tikser ir-restrizzjonijiet jew il-projbizzjonijiet imposti taħtha mingħajr skuża raġonevoli, tali persuna tkun ħatja ta’ reat punibbli b’multa (ammenda) li ma taqbiżx €1164.69 .
Il-Kodiċi Ċivili tgħid li fil-każ ta’ separazzjoni personali bejn il-konjuġi fejn hemm involuta l-vjolenza domestika, il-każ għandu jinħatar għal seduta fi żmien erbat ijiem u l-qorti tista’ fuq l-inizjattiva tagħha stess qabel jew wara li tisma’ l-partijiet, toħroġ Ordni ta’ Protezzjoni jew Ordni għal Trattament.

 

Il-Kodiċi Kriminali tipprevedi wkoll ir-reati ta’ ‘fastidju’ u ‘biża’ ta’ vjolenza’. Fastidju jseħħ meta jkun hemm komportament li jikkorrispondi għal fastidju ta’ persuna oħra u t-trasgressur jaf jew għandu jkun jaf li dan jikkorrispondi għal fastidju tal-persuna l-oħra. Dan jinkludi li tbeżża’ lil persuna jew tikkawża tbatija lill-persuna. Dan it-tip ta’ komportament għandu jkun repetittiv fis-sens li jrid ikun persistenti jew jitwettaq aktar minn darba. Il-fastidju jimplika azzjoni li tant tikkawża stress fuq l-individwu li jwassal għal dipressjoni jew inkwiet emozzjonali. Jekk il-fastidju jitwettaq fuq kwalunkwe persuna msemmija hawn fuq ikun hemm aggravazzjoni.

 

Il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika (il-Konvenzjoni ta’ Istanbul) hija Konvenzjoni kontra l-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika inġenerali. L-għan ewlieni ta’ din il-Konvenzjoni hija li tevita l-vjolenza u tipproteġi l-vittmi u “li twaqqaf l-impunità ta’ min ikkommetta r-reat” .

Malta ffirmat din il-Konvenzjoni f’Mejju 2012 u din daħlet kompletament fis-seħħ fl-2014. Malta, flimkien ma’ 13-il Stat Membru ieħor, ratifikat il-Konvenzjoni ta’ Istanbul li torbot lill-gvern biex jimplimenta miżuri u jadotta legiżlazzjoni biex jikklassifika kull forma ta’ vjolenza kontra n-nisa bħala ksur tad-drittijiet tal-bniedem. Skont il-Konvenzjoni, il-vjolenza tinkludi dawn li ġejjin: 1. Dannu Psikoloġiku 2. Insegwiment Malizzjuż 3. Fastidju Sesswali 4. Dannu Fiżiku u Sesswali, inkluż stupru, żwieġ sfurzat, il-mutilazzjoni ġenitali femminili, abort sfurzat u sterilizzazzjoni sfurzata.

Skont Artikolu 543 tal-Kodiċi Kriminali, il-Pulizija għandhom is-setgħa li jipproċedi ex officio f’dawk il-każijiet li jinvolvu l-vjolenza domestika. Dan ifisser li jekk il-vittma ma’ tressaqx ilment personalment mal-Pulizija, il-Pulizija xorta jkollhom il-poter jipproċedu kontra t-trasgressur . Dan huwa mod kif jipproteġu l-vittma ulterjorment, anke f’sitwazzjonijiet fejn forsi l-vittma ma tistax tressaq ilment minħabba li tibża’ mit-trasgressur. Il-Qrati mbagħad jiddeċiedu jekk ikomplux bil-proċeduri billi jikkunsidraw il-fatturi kollha tal-każ, partikolarment l-aħjar interess tal-minorenni involuti.

Ordni ta’ Protezzjoni tista’ tinħareġ meta persuna hija akkużata quddiem il-Qorti kkonċernata jekk dan ikun neċessarju għas-sigurtà tal-vittma jew ta’ individwi oħra, jew biex tinżamm il-paċi pubblika. Tali Ordni ta’ Protezzjoni tista’ timponi r-restrizzjonijiet jew il-projbizzjonijiet fuq l-akkużat li jidhru li huma neċessarji skont il-qorti jew ikunu xierqa fiċ-ċirkostanzi. Permezz tal-ordni ta’ protezzjoni, l-akkużat jista’ jkun:

  • Ipprojbit jew ristrett milli javviċina jew isegwi l-movimenti tal-persuna mweġġa’ jew kwalunkwe individwu ieħor speċifikat fl-ordni.
  • Ipprojbit jew ristrett minn aċċess, għall-post li fih il-persuna mweġġa’, jew kwalunkwe individwu ieħor speċifikat fl-ordni, jgħix, jaħdem jew jiffrekwenta anke jekk l-akkużat għandu interess legali f’dawk il-postijiet, għal perjodu ta’ mhux aktar minn sitt xhur jew sakemm jingħata l-ġudizzju finali.
  • Ipprojbit milli jikkuntattja jew jimmolesta lill-persuna mweġġa’ jew kwalunkwe individwu ieħor speċifikat fl-ordni. Qabel toħroġ l-ordni, il-Qorti għandha tikkunsidra b’mod partikolari l-ħtieġa biex ikun żgurat:
  • Li l-persuna mweġġa’ jew kwalunkwe individwu ieħor speċifikat fl-ordni huwa protett minn ħsara jew molestja.
  • Il-benessri tat-tfal jew kwalunkwe dipendenti oħra li jistgħu jkunu affettwati mill-ordni.
  • Ir-rieda tal-akkużat jew xi ħadd ieħor biex jissottometti għal tali trattament li l-qorti tista’ tqis adattat.
  • Il-bżonnijiet tal-akkomodazzjoni tal-persuni kollha li jistgħu jkunu affettwati mill-ordni, b’mod partikolari tal-persuna mweġġa’, it-tfal tagħha u dipendenti oħra tagħha - kwalunkwe tbatija li tista’ ­tkun ikkawżata lill-akkużat jew lil kwalunkwe persuna oħra bħala riżultat tal-ordni li tkun saret
  • U kwalunkwe indikatur li, fiċ-ċirkostanzi tal-każ, il-qorti tqis relevanti.

Ordni ta’ trażżin tista’ tinħareġ mill-qrati meta jinħarġu sentenzi għal kull raġuni relatata mal-kwistjoni ta’ ordni ta’ protezzjoni. L-effetti tagħha huma l-istess bħal dawk ta’ ordni ta’ protezzjoni.