2122 8333Mit-Tnejn sal-Ġimgħa 9am-5pm

  • English
  • Malti

Drittijiet tal-Vittma

Il-vittmi tal-kriminalità għandhom diversi drittijiet skont il-liġi, speċjalment taħt l-Att il-ġdid dwar Vittmi tal-Kriminalità.
 
 

Dawn jinkludu d-dritt li jifhmu u jinftehmu, id-dritt li jinstemgħu, id-dritt għall-protezzjoni, id-dritt għall-għajnuna legali, id-dritt għal servizzi ta’ appoġġ, u d-dritt għal rimborż tal-ispejjeż u għal kumpens.

Il-kontenut disponibbli fuq dan is-sit web huwa għal finijiet edukattivi biss u ma jikkostitwix parir legali. Għal parir u appoġġ legali jew emottiv mingħajr ħlas adattat għas-sitwazzjoni speċifika tiegħek, jekk jogħġbok għamel kuntatt mal-Victim Support Malta (21228333).

Fatti u informazzjoni: drittijiet tal-vittma

Taħt l-Att il-ġdid dwar Vittmi ta’ Kriminalità, jekk ir-reat seħħ f’pajjiż ieħor tal-UE, għandek dritt tiftaħ rapport tal-pulizija hawn f’Malta.

Jekk id-drittijiet tiegħek taħt l-Att dwar Vittmi ta’ Kriminalità mhux qed jiġu rispettati, tista’ tiftaħ ilment intern mad-dipartiment jew l-awtorità rilevanti. Jekk tħoss li l-ilment tiegħek mhux qed jittieħed bis-serjetà għandek ukoll id-dritt li tieħu lill-Gvern il-Qorti peress li dan jikkostitwixxi ksur tad-drittijiet fundamentali tiegħek.

Kultant ma jkunx hemm biżżejjed provi biex persuna titressaq il-Qorti. Madankollu, f’każijiet bħal dawn, il-Pulizija għandhom id-dmir jinfurmawk bid-deċiżjoni tagħhom li ma jressqux lill-akkużat il-Qorti.

Bħala vittma ta’ reat, il-liġi tipprovdi li għandek dritt għal servizzi ta’ appoġġ emottiv. Jekk jogħġbok ħossok liberu/a li tagħmel kuntatt magħna biex inkunu nistgħu nirreferuk għal dawn is-servizzi jekk tħoss li għandek bżonn.

Il-liġi tipprevedi ċerti miżuri li l-minuri jistgħu jagħmlu użu minnhom jekk ikun hemm suspett li xi ħadd mill-ġenituri jew il-gwardjan(a) tagħhom jistgħu jagħmlu ħsara lill-vittma – partikolarment id-dispożizzjoni ta’ avukat tat-tfal. Jekk jogħġbok għamel kuntatt jekk tkun tixtieq li nispjegawlek dan f’aktar dettall.

Il-liġi tipprovdi li l-awtoritajiet għandhom jinfurmawk meta l-akkużat ikun ser jitressaq il-Qorti, rilaxxat b’bail, mibgħut il-ħabs, rilaxxat jew jekk ikun ħarab mill-ħabs. Dan għandu jgħinek tipprepara ruħek għal kwalunkwe konsegwenza eventwali.

 

Il-liġi tgħid li l-awtoritajiet jeħtieġ li jikkomunikaw mal-vittmi (kemm jekk verbalment kif ukoll jekk bil-miktub) b’lingwaġġ sempliċi. Għandek ukoll id-dritt li tieħu lil xi ħadd miegħek, speċjalment jekk għandek bżonn l-għajnuna biex tifhem x’qed jiġri. Jekk dan mhux qed iseħħ, għamel kuntatt magħna biex inkunu nistgħu ngħinuk.

Il-liġi tgħid li tista’ tressaq ilment mal-Pulizija bil-lingwa tiegħek stess, jew inkella titlob is-servizzi ta’ interpretu. Għandek ukoll dritt għall-interpretazzjoni u/jew traduzzjoni waqt il-proċedimenti kriminali.

Taħt l-Att il-ġdid dwar Vittmi tal-Kriminalità, l-awtoritajiet huma obbligati jwettqu valutazzjoni biex jiddeterminaw il-bżonnijiet tiegħek u l-fatturi ta’ riskju tiegħek. Għandek tiġi mgħarraf/mgħarrfa wkoll dwar kwalunkwe miżura ta’ protezzjoni li teżisti diġa’, u x’tista’ tagħmel biex ikollok din il-protezzjoni.

Taħt il-liġi l-ġdida għandek dritt għal assistenza legali mingħajr ħlas. Jekk għandek bżonn l-għajnuna biex tikseb dan id-dritt, għamel kuntatt magħna sabiex inkunu nistgħu ngħinuk.

Reat kriminali huwa azzjoni jew omissjoni li jistgħu jiġu mixlija mill-Istat u huwa punibbli bil-liġi. Huwa att kontra s-soċjetà u ksur tad-drittijiet individwali tal-vittmi.  
 
 

L-att il-ġdid dwar il-Vittmi ta’ Kriminalità jipprovdi li l-vittmi għandhom ikunu pprovduti b’informazzjoni estensiva dwar id-drittijiet tagħhom u dwar is-servizzi ta’ appoġġ li jeżistu mal-ewwel kuntatt mal-awtorità kompetenti rilevanti, bħall-Pulizija jew l-aġenziji tas-social welfare bħall-Appoġġ. Jekk dan mhux qed isir, jekk jogħġbok għamel kuntatt ħalli nkunu nistgħu ngħinuk.
 

Iva, taħt il-liġi l-ġdida għandek dritt titlob rimborż tal-ispejjeż li tkun għamilt biex tieħu sehem fil-proċedimenti kriminali.

Iva, bħala vittma ta’ kriminalità, għandek id-dritt titlob kumpens għal kwalunkwe ħsara li saritlek. M’għandekx bżonn tiftaħ proċedimenti ċivili separati biex tagħmel użu minn dan id-dritt peress li tista’ titlob biex jitħallas dan il-kumpens waqt il-proċedimenti kriminali nfushom.

Vittma ta’ reat hija kwalunkwe persuna li soffriet dannu (kemm jekk fiżiku, mentali, emottiv jew finanzjarju) ikkawżat direttament mir-reat. Il-membri tal-familja jistgħu wkoll jiġu kkunsidrati bħala vittmi meta r-reat kriminali jwassal għall-mewt tal-persuna kkonċernata

Taħt l-Att il-ġdid dwar Vittmi ta’ Kriminalità, meta tagħmel rapport il-Pulizija huma obbligati jagħtuk rċevuta bil-miktub tar-rapport li tkun għamilt. Għandek dritt ukoll tirċievi kopja tar-rapport sabiex tkun żgur(a) li d-dettalji li tajt tniżżlu sew.