2122 8333Mit-Tnejn sal-Ġimgħa 9am-5pm

  • English
  • Malti

Kumpens

Il-vittmi jistgħu jressqu talba ċivili li permezz tagħha jitolbu kumpens mingħand it-trażgressur.
 
Barra minn hekk, il-liġi tipprovdi għal ċerti każijiet speċifiċi fejn il-vittmi ta’ reat jirċievu kumpens direttament mill-Istat. Il-liġi li speċifikament tindirizza dan l-aspett hija l-Avviż Legali 190 tal-2007, promulgat fl-20 ta’ Lulju, 2007. Id-dispożizzjonijiet legali tiegħu jimplimentaw id-dispożizzjonijet tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/80/KE rigward il-kumpens għal vittmi ta’ delitti. Kif inhu mistenni, mhux id-delitti kriminali kollha jwasslu għal kumpens lill-vittmi tagħhom. L-eliġibilità hija limitata b’mod statutorju għal ħsarat sostnuti fi jew wara l-1 ta’ Jannar, 2006. L-eliġibilità hija limitata ulterjorment b’mod diskrezzjonali mill-kunsiderazzjonijiet stipulati fl-Artikolu 8 (a) sa (e) tal-imsemmi Avviż Legali. Din hija komunement imsejjħa l-Iskema ta’ Kumpens għal Danni minħabba Reat.

Il-kontenut disponibbli fuq din il-websajt hija għal finijiet edukattivi biss u ma tikkostitwix parir legali. Għal pariri legali jew emozzjonali bla ħlas u appoġġ rigward is-sitwazzjoni speċifika tiegħek, jekk jogħġbok ikkkuntattja lil Victim Support Malta (21228333)

Fatti u informazzjoni: kumpens

Persuni intitolati għall-kumpens huma ċittadini ta’ Malta u ċittadini ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea.
 

Jekk ma tikkwalifikax taħt din l-iskema, xorta waħda tista’ titlob kumpens mingħand it-trażgressur, jew, jekk il-proċeduri Kriminali għadhom għaddejjin, itlob lill-Qorti toħroġ ordni ta’ kumpens. Victim Support Malta ttista’ tgħinek b’konsultazzjoni biex tagħtik pariri dwar kif tipproċedi f’dan ir-rigward.

Jekk inti sofrejt danni minħabba reat vjolenti li jaqa’ fi ħdan il-parametri tal-iskema, jiġifieri omiċidju volontarju, ħsara gravi tal-ġisem b’armi proprji, jew każijiet oħra ta’ ħsara gravi tal-ġisem, u stupru, inti tista’ tapplika għal kumpens taħt l-Iskema ta’ Kumpens għal Danni minħabba Reat. Ma tagħmilx differenza jekk it-trażgressur inqabadx, iżda hemm regoli oħra li jiddeterminaw jekk tirċevix kumpens jew le. Kif diġà ssemma’ qabel, dawn ir-regoli jinsabu f’Artikolu 8 tal-Avviż Legali msemmi, u huwa importanti li kull min jixtieq japplika taħtu jaqrahom bir-reqqa u jiffamiljarizza ruħu magħhom qabel japplika. Għalhekk, apparti l-informazzjoni utli u qasira pprovduta hawn, aktar informazzjoni, spjegazzjonijiet u għajnuna tista’ tinkiseb mill-Unità tal-Ġustizzja li tinsab fi 30, Triq it-Teżor, Il-Belt, Valletta, waqt il-ħinijiet normali tal-uffiċju, fejn inti ssib uffiċjali kompetenti lesti jwieġbu l-mistoqsijiet tiegħek u jgħinuk.

Il-kumpens isir permezz ta’ pagament ta’ somma waħda f'daqqa, aktar milli pensjoni perjodika, iżda tkun f’idejn l-Uffiċjal tal-Klejms li jagħmel għotja interim u jipposponi li jagħmel l-għotja f’każ fejn ikun hemm dewmien fil-valutazzjoni finali medika tal-ħsara.

Iva, il-liġi nfisha ħasbet biex ikun hemm l-irwol ta’ 'Assisting Officer' preċiżament biex jgħin fil-mili u biex jirċievi l-applikazzjonijiet u jgħin fl-evalwazzjoni tagħhom. L-applikazzjonijiet kollha għandhom jiġu sottomessi lill-Assisting Officer biex jgħaddihom lill-Uffiċjal tal-Klejms li jiddetermina l-għoti u l-pagamenti tal-kumpens. L-applikazzjonijiet għandhom jiġu sottomessi f’perjodu raġonevoli ta’ żmien u mhux aktar tard minn sena wara li jkun sar id-delitt vjolenti intenzjonali. L-applikazzjonijiet għandhom ikunu akkumpanjati minn rapport tal-pulizija.

L-Uffiċjal tal-Klejms jista’, fid-diskrezzjoni tiegħu, jitlob kwalunkwe evidenza addizzjonali bil-għan, fost affarijiet oħra, li jiżgura li l-kumpens ma ngħatax jew mhux se jingħata minn kwalunkwe sors ieħor inkluż, jekk ikun meħtieġ, affidavit mill-applikant u jista’ jsejjaħ lill-applikant biex isirlu jew jerġa’ jsirlu eżami mediku.

Ebda pagament lil kwalunkwe rikorrent m’għandu jaqbeż is-somma ta’ EUR 23,293.73 u tali somma m’għandhiex tinqabeż fejn hemm aktar minn rikorrent wieħed permezz ta’ tali reat.
 

Ebda kumpens ma jkun pagabbli lil applikant, li fil-fehma tal-Uffiċjal tal-Klejms, ma tax lill-Uffiċjal tal-Klejms kull għajnuna raġonevoli fir-rigward tar-rapport mediku, u altrimenti, li jista’ jkollu bżonn.

Hemm għadd ta’ dokumenti u ċertifikati li fil-każijiet kollha jridu jiġu sottomessi flimkien mal-applikazzjoni nfisha. Għaldaqstant jekk inti taħseb li tista’ tikkwalifika għal kumpens, nagħtuk parir li tieħu nota ta’ dan li ġej:

  • Kwalunkwe spejjeż li kellek tagħmel bħala riżultat tar-reat, pereżempju spejjeż mediċi jew l-ispejjeż biex issewwi jew tissostitwixxi l-propjetà tiegħek.
  • Kwalunkwe telf mid-dħul li kellek.
  • Kwalunkwe dħul li rċevejt bħala riżultat tad-delitt (pereżempju benefiċċji soċjali u/jew tal-qgħad, jew kwalunkwe Ordni tal-Qorti relatata mal-kumpens).
  • Dejjem żomm kwalunkwe rċevuti, stimi jew dokumenti oħra relevanti!