2122 8333Mit-Tnejn sal-Ġimgħa 9am-5pm

  • English
  • Malti

Hit and Run

Hit and run hija definita bħala “l-att li jikkawża (jew jikkontribwixxi għal) inċident tat-traffiku (bħal ħabta ma’ persuna jew oġġett fiss), u fejn wieħed ma jieqafx biex jidentifika lili nnifsu wara”.
 
Il-kontenut disponibbli fuq din il-websajt hija għal finijiet edukattivi biss u ma tikkostitwix parir legali. Għal pariri legali jew emozzjonali bla ħlas u appoġġ rigward is-sitwazzjoni speċifika tiegħek, jekk jogħġbok ikkkuntattja lil Victim Support Malta (21228333)

Fatti u informazzjoni: hit and run

Il-liġi tipprovdi li “mhuwiex legali li kwalunkwe persuna tuża jew tikkawża jew tippermetti kwalunkwe persuna oħra tuża vettura bil-mutur fuq it-triq sakemm ma jkunx hemm fis-seħħ fir-rigward tal-utent tal-vettura minn dik il-persuna jew persuna oħra, skont il-każ, tali polza tal-assigurazzjoni fir-rigward ta’ riskji ta’ parti terzi konformi mar-rekwiżiti ta’ din l-Ordinanza”.
Madanakollu fil-każ li s-sewwieq li kkawża l-inċident ma kienx inxurjat fil-ħin tal-inċident, il-Malta insurer’s Bureau (MIB) tkopri kemm il-ħsara għal korriment fiżiku, inkluż il-mewt, kif ukoll il-ħsara fil-propjetà.
Jekk is-sewwieq ma kienx inxurjat minħabba l-fatt li kien hemm ksur fil-kundizzjonijiet tal-polza, l-assiguratur li ħareġ din il-polza xorta għandu jittratta l-klejms relevanti tal-parti terza. Jekk is-sewwieq ma kienx inxurjat minħabba l-fatt li tali sewwieq ma xtarax polza tal-assigurazzjoni, tkun il-Bureau li tipprovdi r-rimedju għall-vittma. Fiż-żewġ sitwazzjonijiet kemm l-assiguratur kif ukoll il-Bureau jistgħu jirkupraw tali danni mill-persuna li kkawżat tali inċident.
Jekk is-sewwieq li kkawża l-inċident wettaq hit and run, il-Bureau tkopri 80% tal-ħsarat li għandhom jitħallsu lill-vittma, fil-każ ta’ korriment jew mewt. Ebda kumpens ma jingħata fir-rigward ta’ ħsara fil-propjetà.

Jekk persuna tinqabad issuq mingħajr assigurazzjoni l-kastig ikun kif ġej:

(a) fil-każ tal-ewwel reat, għal multa ta’ mhux inqas minn elfejn, tliet mija u disgħa u għoxrin euro u sebgħa u tletin ċenteżmu (€2,329.37) iżda li ma taqbiżx erbat elef sitt mija u tmienja u ħamsin euro u ħamsa u sebgħin ċenteżmu (€4,658.75) jew priġunerija għal terminu mhux itwal minn tliet xhur, jew kemm għal multa kif ukoll għal priġunerija
(b) fil-każ tat-tieni reat, għal multa ta’ mhux inqas minn erbat elef sitt mija u tmienja u ħamsin euro u ħamsa u sebgħin ċenteżmu (€4,658.75) iżda li ma taqbiżx ħamest elef tmien mija u tlieta u għoxrin euro u tlieta u erbgħin ċenteżmu (€5,823.43) jew għal priġunerija għal terminu mhux itwal minn sitt xhur, jew kemm għal multa kif ukoll għal priġunerija;”
(c) fil-każ tat-tielet reat u reati sussegwenti, għal multa ta’ mhux inqas minn ħamest elef tmien mija u tlieta u għoxrin euro u tlieta u erbgħin ċenteżmu (€5,823.43) iżda mhux aktar minn sitt elef, disa’ mija u tmienja u tmenin euro u tnax il-ċenteżmu (€6,988.12) jew għal priġunerija għal terminu mhux itwal minn sena, jew kemm għal multa kif ukoll għal priġunerija, u
a. fejn ir-reat jikkonsisti fl-użu ta’ vettura bil-mutur fit-triq min persuna li hija s-sid tal-vettura bil-mutur jew impjegata ta’, jew membru tal-familja ta’ u tgħix ma’ sid il-vettura bil-mutur, meta ma jkunx hemm polza tal-assigurazzjoni fis-seħħ għal tali vettura f’konformità mar-rekwiżiti ta’ din l-Ordinanza, il-qorti għandha, flimkien mal-kastigi stipulati f’dan is-sotto paragrafu, tordna r-rinunzja tal-vettura bil-mutur;
b. fejn ir-reat, kif imsemmi qabel, jitwettaq minn kwalunkwe persuna oħra, il-qorti għandha, flimkien mal-kastigi stipulati f’dan is-sotto paragrafu, timponi multa ulterjuri ekwivalenti għall-valur tal-vettura bil-mutur.
(d) minkejja kwalunkwe implimentazzjoni li tippreskrivi żmien li fih il-proċeduri jistgħu jinġiebu quddiem kwalunkwe qorti, jistgħu jinġiebu proċeduri għal reat taħt dan l-Artikolu –
a. f’perjodu ta’ sitt xhur mid-data tat-twettiq tal-allegat reat; jew
b. f’perjodu li la jaqbeż it-tliet xhur mid-data li fiha l-prosekuzzjoni saret taf li twettaq ir-reat u lanqas sena mid-data tar-reat, skont liema perjodu jkun l-itwal.

Il-liġi tkompli tispjega li meta jkun hemm inċident, mingħajr korriment personali jew ħsara lil propjetà pubblika, il-persuni fl-inċident għandhom iċaqalqu kollox biex jiżguraw li t-traffiku jkun jista’ jibqa’ għaddej. Huma mbagħad għandhom jiskambjaw l-informazzjoni inkluż iċ-ċirkostanzi tal-inċident fuq il-formoli xierqa kif fornuti mill-kumpanija tal-assigurazzjoni, li għandhom jingħataw lill-assiguraturi mhux aktar tard minn jumejn tax-xogħol wara l-inċident. Dan huwa magħruf b’mod aktar komuni bħalal-formoli ta’ inċidenti bumper to bumper.

Jekk l-inċident ma jaqbilx mad-deskrizzjoni tat-tieni skeda, mingħajr ebda korriment personali jew ħsara lil propjetà pubblika, huma għandhom jiskambjaw l-informazzjoni inkluż iċ-ċirkostanzi tal-inċident fuq il-formoli xierqa kif fornuti mill-kumpanija tal-assigurazzjoni, li għandhom jingħataw lill-assiguraturi mhux aktar tard minn jumejn tax-xogħol wara l-inċident. Wara dan huma għandhom ineħħu kull ħaġa li tista’ tostakola t-traffiku.

Jekk il-partijiet ma jaqblux fuq iċ-ċirkostanzi għandu jissejjaħ gwardjan lokali biex tingħata l-informazzjoni meħtieġa lill-gwardjan. Fiċ-ċirkostanzi kollha fejn ikun hemm korriment personali jew ħsara lil propjetà pubblika, għandu jissejjaħ gwardjan u/jew Pulizija immedjatament, u l-partijiet jagħtu l-informazzjoni relevanti kif meħtieġ.

Jekk sewwieq jinsab ħati ta’ sewqan negliġenti, traskurat jew perikoluż u joqtol persuna oħra b’mod involontarju meta jkun involut f’inċident, kemm jekk “hit and run” kif ukoll jekk le jkun ħati ta’ omiċidju involontarju.

Il-Kodiċi Kriminali tistipula li “Kull min, permezz ta’ nuqqas ta’ prudenza, traskuraġni, nuqqas ta’ ħila fl-arti jew fil-professjoni tiegħu, jew nuqqas ta’ osservanza ta’ regolamenti, jikkawża l-mewt ta’ kwalunkwe persuna, ikun soġġett għall-priġunerija, jekk jiġi kundannat, għal terminu ta’ mhux aktar minn erba’ snin jew għal multa li ma taqbiżx ħdax-il elf sitt mija u sitta u erbgħin euro u sebgħa u tmenin ċenteżmu (€11,646.87).
(2) Fejn it-trasgressur ikkawża l-mewt ta’ aktar minn persuna waħda jew fejn minbarra li kkawża l-mewt ta’ persuna t-trasgessur ikkawża wkoll ħsara tal-ġisem fuq persuna jew persuni oħra il-kastig ikun priġunerija għal terminu ta’ bejn ħames u għaxar snin”.

Jekk inti ġejt midrub minħabba reat kriminali li jaqa’ fi ħdan il-parametri ta’ att li jikkostitwixxi reat taħt il-Kodiċi Kriminali, jiġifieri omiċidju volontarju, ħsara kbira fuq il-persuna b’armi proprji u każijiet oħra ta’ ħsara kbira fuq il-persuna, inti tista’ tapplika għal kumpens taħt l-Iskema ta’ Kumpens għal Danni Mġarrba Minħabba Reat. Ma tagħmilx differenza jekk it-trasgressur jinqabadx, iżda hemm regoli oħra li jiddeterminaw jekk tirċevix kumpens jew le. Il-liġi tipprovdi li tali kumpens jinżamm jew jitnaqqas jekk:
(a) ir-rikorrenti naqas milli jieħu, mingħajr dewmien, il-passi raġonevoli kollha biex jinforma lill-pulizija, jew entità oħra jew persuna kkunsidrata mill-Uffiċjal tal-Klejms li hija adattata għal dan il-għan, dwar iċ-ċirkostanzi li wasslu għal reat; jew
(b) ir-rikorrenti naqas milli jikkoopera mal-pulizija jew ma’ awtorità oħra fl-attentat biex it-trasgressur jitressaq quddiem il-ġustizzja; jew
(c) ir-rikorrenti naqas milli jagħti l-assistenza raġonevoli kollha lill-Uffiċjal tal-Klejms jew entità jew persuna oħra f’konnessjoni mal-applikazzjoni; jew
(d) il-kondotta tir-rikorrenti qabel, waqt jew wara l-inċident li tat lok għall-applikazzjoni ma tagħmilhiex adattata li tingħata l-għotja kollha jew kwalunkwe għotja; jew
(e) il-karattru tar-rikorrenti kif muri mis-sentenzi kriminali tiegħu jew permezz ta’ evidenza disponibbli lill-Uffiċjal tal-Klejms ma tagħmilhiex adattata li tingħata l-għotja kollha jew kwalunkwe għotja; jew
(f) il-vittma kienet responsabbli b’mod konġunt jew parzjali għall-ħsara kriminali sostnuta; jew
(g) il-kondotta tal-vittma, il-karattru tagħha u l-istil ta’ ħajja tagħha, jagħmluha adattat biex dan isir.
Il-liġi tipprovdi wkoll għal sitwazzjonijiet fejn ebda kumpens ma jingħata u dan jiġri meta:
(a) il-ħsara kriminali saret qabel l-1 ta’ Jannar 2006;
(b) l-Uffiċjal tal-Klejms huwa tal-opinjoni li t-trasgressur mhuwiex fil-bżonn jew jekk ma ngħatawx provi, li l-azzjoni legali biex jintalab kumpens ma ħall ebda frott;
(c) ir-rikorrenti, fl-opinjoni tal-Uffiċjal tal-Klejms, ma pprovdiex l-assistenza u l-informazzjoni raġonevoli kollha meħtieġa għall-finijiet ta’ dawn ir-regoli;
(d) ir-rikorrenti kien responsabbli għall-ħsara kriminali sostnuta minħabba provokazzjoni jew kwalunkwe azzjoni oħra tiegħu;
(e) l-Uffiċjal tal-Klejms ikun sodisfatt li l-kondotta tal-vittma, il-karattru tagħha jew l-istil ta’ ħajja tagħha, ma jagħmluhiex xieraq li għandu jingħata għotja.
Aktar informazzjoni, spjegazzjonijiet u assistenza jistgħu jinkisbu mill-Unità tal-Ġustizzja li tinsab fi 30, Triq it-Teżor, il-Belt, Valletta, waqt il-ħinijiet normali tal-uffiċċju, fejn issib uffiċjali kompetenti lesti li jwieġbu l-mistoqsijiet tiegħek u jgħinuk matul il-proċess.
Il-liġi nfisha ħasbet biex tistabbilixxi l-irwol ta’ 'Assisting Officer' preċiżament biex jgħin fil-mili u biex jirċievi l-applikazzjonijiet u biex jassisti fl-evalwazzjoni tagħhom. L-applikazzjonijiet kollha għandhom jiġu sottomessi lill-Assisting Officer biex jingħataw lill-Uffiċjal tal-Klejms li jiddetermina l-għotjiet u l-pagamenti tal-kumpens. L-applikazzjonijiet għandhom jiġu sottomessi f’perjodu raġonevoli u f’kull każ mhux aktar tard minn sena minn meta twettaq id-delitt intenzjonat vjolenti. L-applikazzjonijiet għandhom ikunu akkumpanjati minn rapport tal-pulizija.

L-Uffiċjal tal-Klejms jista’, fid-diskrezzjoni tiegħu, jitlob kwalunkwe evidenza addizzjonali bil-għan, fost affarijiet oħra, li jiżgura li l-kumpens ma ngħatax jew ma jingħatax minn sors ieħor inkluż, jekk hemm bżonn, affidavit mir-rikorrenti u jista’ jitlob lir-rikorrenti li jiġi eżaminat medikament jew eżaminat mill-ġdid. Il-persuni intitolati għal kumpens huma ċittadini ta’ Malta u ċittadini ta’ wieħed mill-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea u persuni li huma residenti attwali f’Malta.
Meta l-Qorti Kriminali, bis-saħħa tal-Artikolu 532A tal-Kodiċi Kriminali, diġà stabbiliet il-kumpens lill-vittma/vittmi tar-reat, l-Uffiċjal tal-Klejms ma jevalwax dik it-talba iżda jipproċedi biex iħallas il-kumpens soġġett għad-dispożizzjonijiet tal-Avviż Legali.

Il-kumpens ikun permezz ta’ ħlas ta' somma waħda f'daqqa, aktar milli pensjoni perjodiku, iżda jkun f’idejn l-Uffiċjal tal-Klejms biex jagħmel għotja interim u biex jipposponi li jagħmel għotja finali f’każ li jkun hemm dewmien fil-valutazzjoni medika finali tal-korriment.

Ebda kumpens ma jkun pagabbli lil rikorrenti li, fl-opinjoni tal-Uffiċjal tal-Klejms, ma tax lill-Uffiċjal tal-Klejms l-assistenza raġonevoli kollha fir-rigward ta’ kwalunkwe rapport mediku li jeħtieġ, u mod ieħor.

Finalment, ebda pagament lil kwalunkwe rikorrenti m’għandha taqbeż is-somma ta’ 23,300 euros u tali somma m’għandhiex tinqabeż fejn hemm aktar minn rikorrenti wieħed fl-istess reat.

Il-liġi tkompli billi tiddikjara li “fejn ir-reat jikkonsisti fis-sewqan ta’ vettura bil-mutur jew vettura oħra b’mod traskurat jew perikoluż, il-qorti għandha, flimkien mal-kastig taħt sotto artiklu (1), tiskwalifika lit-trasgressur milli jżomm jew jikseb liċenzja tas-sewqan, f’każ li kien ikkundannat għall-ewwel darba, għal perjodu ta’ mhux inqas minn tliet xhur, u fil-każ tat-tieni kundanna jew kundanni sussegwenti għal perjodu ta’ mhux inqas minn sena”.

Apparti milli jinżamm responsabbli b’mod kriminali, is-sewwieq jista’ wkoll jinsab responsabbli b’mod ċivili kif ukoll għat-tort. Fil-fatt il-liġi tistipula li “Kwalunkwe persuna li tagħmel użu, fil-limiti adegwati, ta’ dritt kompetenti għalih, ma jkunx responsabbli għal kwalunkwe dannu li jista’ jirriżulta minnhom”. Il-liġi tkompli li “Madanakollu, kull persuna, tkun responsabbli għad-dannu li jseħħ ħtija tagħha”.

Persuna tkun meqjusa li għandha tort meta “permezz tal-atti tagħha stess, ma tużax il-prudenza, il-diliġenza u l-attenzjoni ta’ bonus paterfamilias”. Bonus paterfamilias tfisser l-istandard ta’ attenzjoni, ta’ persuna raġonevoli.

Taħt il-liġi Maltija, is-sewwieq ta’ vettura għandu l-obbligu li jieqaf f’każ ta’ inċident. Il-liġi tipprovdi li 'Jekk fi kwalunkwe każ, minħabba l-preżenza ta’ vettura bil-mutur fuq it-triq, isir inċident li jinvolvi korriment personali fuq persuna oħra jew ħsara lil xi vettura, annimal jew propjetà oħra, is-sewwieq tal-vettura bil-mutur għandu jieqaf u, jekk ikun meħtieġ li jagħmel hekk minn uffiċjal tal-pulizija, gwardjan lokali jew minn kwalunkwe persuna li jkollha raġunijiet ġustifikati biex titlob dan, jagħti ismu u l-indirizz, l-isem u l-indirizz ta’ sid il-vettura bil-mutur, id-dettalji tal-assiguratur tal-vettura kif ukoll il-marka u n-numru tar-reġistrazzjoni.'
B’hekk jekk sewwieq jonqos milli jimxi ma’ din il-proċedura, tkun ikkwalifikata bħala hit and run. Il-Qrati affermaw li jekk xi ħadd jaħrab mix-xena tal-inċident, iżda wara jmur għand il-pulizija u jammetti, dan ma jkunx inċident ta’ hit and run.

Il-Qrati jiddistingwu wkoll bejn sewqan negliġenti, traskurat u perikoluż.

Sewqan negliġenti huwa meta sewwieq imur lil hinn mil-livell ta’ sewqan mistenni minn sewwieq raġonevoli, prudenti, kompetenti u esperjenzat. Bħala regola, in-nuqqas ta’ osservanza tar-regoli tat-traffiku kif ukoll tal-“Kodiċi tat-Triq” jew kwalunkwe ħaġa li taffettwa l-kwalità tas-sewqan tikkostittwixi sewqan negliġenti.

Sewqan traskurat huwa meta wieħed isuq b’mod negliġenti. Il-livell meħtieġ huwa ta’ traskuraġni kbira fejn wieħed jieħu riskji mhux meħtieġa u fejn hemm il-probabilità li partijiet terzi jistgħu jweġġgħu jew is-sewwieq ikun indifferenti li jieħu tali riskji. It-traskuraġni ġiet definita mill-qorti bħala “intenzjonalment tagħlaq għajn waħda.”

Sewqan perikoluż huwa meta tali sewqan kien attwalment perikoluż għal partijiet terzi jew għall-propjetà tagħhom. Biex wieħed jikkonkludi li ma kienx hemm periklu, dan għandu jiġi ppruvat wara li jitqiesu ċ-ċirkustanzi kollha, inkluż il-ħin, il-post u l-preżenza tat-traffiku u tal-persuni għaddejjin fiż-żona.

Naturalment f’każijiet partikolari s-sewwieq jista’ jaqa’ f’aktar minn kategorija waħda u b’hekk jiddependi miċ-ċirkostanzi tal-każ. Għall-finijiet ta’ kastig il-legiżlatur ikklassifika s-sewqan traskurat u s-sewqan perikoluż fl-istess kategorija. Is-sewqan traskurat u s-sewqan perikoluż jinkorporaw is-sewqan negliġenti. Il-Qorti ddeċidiet ukoll li d-differenza bejniethom hija wkoll kwistjoni ta’ grad u tiddependi fuq il-livell u l-mod ta’ sewqan.

Jekk sewwieq kien qed isuq b’mod negliġenti, traskurat jew perikoluż u kkawża ħsara fuq il-persuna tal-vittma, is-sewwieq jista’ wkoll jinstab ħati ta’ ħsara fuq il-persuna jew ħsara kbira fuq il-persuna li tirriżulta f’mewt.

F’ċerti sitwazzjonijiet, il-liġi tipprovdi wkoll għal skema ta’ kumpens għal ħsara kriminali, iżda, mhux ir-reati kollha jwasslu għal kumpens lill-vittmi. Tali ħsara kriminali trid tkun saret fi jew qabel l-1 ta’ Jannar, 2006. L-eliġibilità hija ulterjorment limitata b’mod diskrezzjonali mill-kunsiderazzjonijiet stipulati f’Artikolu 8 (a) sa (e) tal-imsemmi Avviż Legali. Tali kunsiderazzjonijiet jistgħu jiġġustifikaw l-Uffiċjal tal-Klejms, li huwa l-awtorità legali finali li tiddetermina l-klejms kollha għall-kumpens ta’ korrimenti kriminali, fiż-żamma jew it-tnaqqis ta’ għotja.

Barra minn hekk, hemm għadd ta’ dokumenti u ċertifikati li fil-każijiet kollha ġew sottomessi flimkien mal-applikazzjoni relatata. Wieħed għandu jżomm nota ta’ dan li ġej:

  • Kwalunkwe spejjeż żejda li għandek b’riżultat tar-reat, pereżempju spejjeż mediċi jew l-ispiża tat-tiswija jew is-sostituzzjoni tal-propjetà tiegħek.
  • Kwalunkwe telf ta’ dħul li sofrejt.
  • Kwalunkwe dħul li rċevejt bħala riżultat tar-reat (pereżempju benefiċċji soċjali u/jew tal-qgħad, jew kwalunkwe Ordni tal-Qorti relatata mal-kumpens).
  • Dejjem żomm l-irċevuti, stimi jew dokumenti relevanti oħra.